Skip to content

Introduzzjoni

Kun af l-istorja tagħna ….

L-Istorja tal-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq

The Għaqda Mużikali Santa Marija still stands and is looking forward to marking its 150 years of activity.

And the story continues. Day by day. Month after month. Festa after festa.

i. Ħal Għaxaq u l-Kult tal-Assunta

Il-kult tal-Assunzjoni ta’ Marija hu wieħed mill-eqdem. Ċertament hu fost il-kulti reliġjużi l-aktar devoti fi ħdan il-Knisja Kattolika f’Malta. Xhieda ta’ dan huma il-bosta parroċċi mifruxa madwar il-gżejjer Maltin iddedikati lil Marija Assunta. B’kollox ngħoddu mas-seba’ parroċċi f’Malta: Ħal Għaxaq, il-Gudja, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħad-Dingli u l-Imġarr. F’Għawdex insibu l-Katidral taċ-Ċittadella u ż-Żebbuġ. Numru konsiderevoli ta’ kappelli ikkonsagrati lil Marija Mtellgħa s-Sema huma mxerrda f’kull rokna tal-gżejjer Maltin, bi prova ċara tal-qawwa u l-ħrara ta’ qima lejn il-qalba ta’ dan il-kult Marjan antikissimu.

Ħal Għaxaq hu fortizza, xhieda tal-imħabba u d-devozzjoni lejn Marija, Omm Alla, bħala figura ċentrali fin-nisġa tal-Kristjaneżmu. Dokumentazzjoni storika turi biċ-ċar li sa mill-1511 Ħal Għaxaq kellu kappella eżattament fuq is-sit tal-Knisja tal-lum. Meta r-raħal ta’ Ħal Għaxaq inqata’ mill-Parroċċa taż-Żejtun biex sar Parroċċa indipendenti fl-1626, din il-kappella ġiet meqjusa bħala l-ewwel Knisja Parrokkjali. Dik il-Knisja għaddiet minn bosta bidliet tul iż-żminijiet. B’mod partikulari nsemmu l-intervent arkitettoniku radikali li seħħ fl-1655 meta din il-Knisja ġġarrfet għalkollox biex inbniet it-tieni Knisja Parrokjali. F’anqas minn 80 sena wara, din it-tieni Knisja inħattet biex flokha telgħet il-Knisja tardo-Barroka li naraw illum. Il-bini ta’ din il-Knisja dam għaddej mill-1723 sal-1760. Din il-ġawhra arkitettonika ta’ barokk malti ġiet ikkonsagrata lil Marija Mtellgħa s-Sema nhar it-2 ta’ Mejju, 1784. Għadha intatta sal-lum kif sawwarha l-arkitett Sebastiano Saliba, bil-ġmiel meqjus tagħha b’faċċata severa iżda b’imponenza grandjuża tipika tal-perjodu b’koppla mill-akbar fil-Gżejjer Maltin u b’par kampnari mill-isbaħ.

L-istorja bil-pjiegi u d-drappeġġi kollha li jlibbsu l-korp ta’ pajjiżna ħallew t-timbru tagħhom fuq l-istorja ta’ dan ir-raħal, iżda għall-mertu ta’ din l-istorja li qegħdin nirrakuntaw kellha tkun il-miġja f’Ħal Għaxaq tal-vara tal-Assunta fl-1808. Il-wasla ta’ dan il-kapolavur maġġuri fl-arti sagra Maltija kien ix-xrara li xegħel il-fjammi ta’ dan ir-rakkont tagħna. Santa Marija, kapolavur xogħol l-iskultur Mariano Gerada ġie kkummissjonat minn Giò Marie Farrugia fl-1807. Din il-vara ħadet is-sura ta’ kult fiha nnifsha biex b’hekk is-sens ta’ qima marbut mal-kult tal-Assunzjoni laħaq il-quċċata tiegħu. L-introduzzjoni ta’ statwa proċessjonali bħala waħda minn tal-bidu tas-Seklu Dsatax fil-perjodu post-barokk wassal biex dawk il-festi kampestri li minn dejjem kienu jinżammu f’nofs Awwissu f’ġieħ l-Assunta ħadu spinta sew ’il quddiem. Ma kienx biss il-possibbiltà ta’ purċissjoni organizzata b’vara li għenet lill-festi tal-Assunta jkomplu jikbru u jitkattru. Mill-bidu nett il-vara l-ġdida ta’ Santa Marija ta’ Gerada kienet sors ta’ faxxinu kbir fuq il-poplu permezz tal-estetika statwarja rivuluzzjonarja għal dak il-perjodu tant li bħal daħlet fis-subkonxju kollettiv tal-Għaxqin. B’mod naturali s-sbuħija ċelebri tal-Assunta ta’ Gerada għenet biex jitkattar il-kult u miegħu tikber il-festa li ddur magħha. B’hekk nibet in-nukleju ta’ nies li xtaqu jingħaqdu b’mod li jkomplu jsawru u jkabbru l-festa ta’ Santa Marija fil-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq.

ii. L-Oriġini u l-Isfond Storiku

 

1873 A.D.

L-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq ġiet imqawwfa fl-1873, meta ġie miktub statut formali li jirregola l-organizzazzjoni u ġiet imxandra lista uffiċjali bl-ismijiet tas-soċi. Din id-data tqiegħed lil din l-Ghaqda fuq quddiem nett tal-ewwel każini bikrin li bdew jinbtu f’Malta kolonjali f’epoka tardo-Vittorjana. L-Għaqda ngħatat l-isem ‘Circolo la Stella’, isem taljanizzat fl-ispirtu tal-intelligentia maltija tipika ta’ dan il-perjodu storiku fejn it-taljan kien rikonoxxut bħala l-lingwa franka. Il-Każin għażel ‘La Stella’ għal ismu b’ispirazzjoni ċara mis-simboloġija tal-istilla b’sitt ponot magħrufa bħala l-istilla ta’ David li minn dejjem kienet simbolu tal-kult Marjan stabbilit u faċilment rikonoxxut mill-bidu taż-żmienijiet.

Is-Soċjetà mxiet fl-ewwel kwartieri stabbiliti tagħha meta sabet kenn f’dar fil-misraħ tar-raħal f’dar magħrufa bħala “Tal-Bukkettuwa”. Din id-dar kienet tinsab eżattament fejn illum nsibu l-ispiżerija tal-pjazza tar-raħal. Din id-dar kważi tiġi faċċata tas-sede tal-Każin tal-lum. Din id-dar kienet ferm maħbuba għax kienet proprju l-ewwel dar, qrib il-Knisja u fiċ-ċentru nevralġiku tal-ħajja tar-raħal. Fil-bidu tas-seklu għoxrin, hekk kif il-Każin biddel is-sede tiegħu, il-post “tal-Bukettuwa” nbidel f’taverna tal-inbid li żammet konnessjoni kbira mal-partit tal-Istilla. Prova ta’ dan hu n-Nome di Maria skolpit fl-injam bħall-ġelu taz-zokkor fil-parti għolja taħt iz-zokklatura tal-gallarija.

Taverna tal-inbid fl-1865

It-traċċi tal-eżistenza ta’ nukleju ta’ nies li id f’id mal-Kapillan u l-Kleru kienu jieħdu ħsieb il-festi organizzati madwar iċ-ċelebrazzjoni għall-festa titulari ta’ Santa Marija. Dan ix-xriek ta’ irġiel kien jiltaqà f’ħanut tal-inbid magħruf bħala “t’Indrí l-Mikk” li kien jinsab preċiżament fid-dar magħrufa bħala “tal-Bebbux”. Din id-dar tant magħrufa għall-partikularità tagħha biż-żewġ faċċati miksija disinni u simboli mirquma permezz ta’ bebbux u arzell kienet frott moħħ dan Indrí tal-Mikk stess. Din id-dar fi Triq Santa Marija, mhux biss hi triq proċessjonali iżda tinsab viċin il-fetħa ta’ Pjazza San Ġorġ konvenjentement quddiem id-dar tal-Kappillan fuq in-naħa ta’ wara tal-binja tal-Knisja. Indrí l-Mikk kien bħal forza ta’ rifnu wara l-organizzazzjoni tal-festi esterni marbuta mal-festa tat-Titular. L-irġiel li kienu jinżlu għandu għall-pinta nbid kienu jispiċċaw jhewdnu u joħolmu fuq x’jista’ jsir għall-festa. L-ewwel attentat tal-Mikk sabiex ikabbar il-festi esterni kien appuntu billi jibda jarma l-pjazzetta żewġ passi bogħod mill-ħanut tiegħu b’lampi taż-żejt ikkuluriti u żigarelli tal-karta kollha lwien. L-ispeċjalità tiegħu kien it-twaqqif t’arblu fuq il-bieb prinċipali tat-taverna kollu armat festuni ta’ bnadar ċkejkna minn ta’ kull għamla u tip. L-ambizzjoni kibret u dan il-grupp irġiel mexa biex jibdew jarmaw il-faċċata tal-knisja b’lampi taż-żejt tal-kulur.

La Belle Époque: Is-seħer u l-angoxxja mat-twelied ta’ Seklu ġdid

Fl-1910, il-Każin mexa għal post akbar u aktar grandjuż fil-qalba ta’ Pjazza Santa Marija, il-misraħ ewlieni tar-raħal. Il-membri tal-Kumitat, il-fundaturi ta’ Circolo La Stella kien rnexxielhom jikru palazz barokk magħruf bħala “Ta’ Pettistina” li jiġi eżattament faċċata tas-sede preżenti tal-Każin. Din il-binja kienet tippermetti li l-Każin ikollu loġistika aktar kumplessa b’festa li kienet dejjem qed tikber b’segwetu ta’ soċi dejjem akbar.

Dan il-pass lejn sede ferm akbar juri li l-formazzjoni ta’ Circolo La Stella kien qed jitmexxa fuq kriterji Vittorjani u strutturi normattivi li jindikaw tentattiv sod li tinħoloq struttura formali b’regoli li jirregulaw b’mod serju kull aspett ta’ każin. Iżda b’dan kollu l-qalb tal-Każin baqgħet dik li dejjem kienet iġifieri l-organizazzjoni tal-festa titulari ta’ Santa Marija fir-raħal ta’ Ħal Għaxaq fix-xahar t’Awwissu. Dan il-prinċipju għadu jorbot lis-Soċjetà sal-ġurnata tal-lum flimkien mal-promozzjoni tal-kultura u l-offerta għat-tagħlim mużikali b’xejn lill-komunità wiesa’. Ma’ dawn jiżdied l-aħħar pilastru, dak li s-Soċjetà taġixxi ukoll bħala aġent għas-soċjalizzazzjoni tas-soċi tagħha.

Kien proprju f’dan l-indirizz ġdid ta’ 70, Pjazza Santa Marija li saret l-ewwel seduta ġenerali. Dakinhar stess ġie elett kumitat ġdid. Hawn żdiedu kunjomijiet ġodda mal-grupp oriġinali ta’ Gatt, Grima u Scicluna, fosthom Abdilla, Agius, Farrugia, Gravina, Manara, Moran u Spiteri. F’dan il-muviment frenetiku t’attività u żelu, il-membri kienu qed iħallsu 4 soldi bħala ħlas ta’ menswalità. Kienu bosta membri li taw donazzjonijiet biex tissaħħaħ il-kaxxa tal-Kaxxier u saħansitra bosta membri rregalaw mobbli lill-Każin sabiex jintrama sew dan il-Każin il-ġdid.

Il-bidu tas-Seklu l-ġdid ġab formalità anke fl-organizzazzjoni tal-festi esterni bil-ħatra ta’ Giovanni Farrugia bħala prokuratur tal-festa.

Kien perjodu sinjur anke fil-ambizzjoni ta’ kummissjunar t’armar għall-festa bħal statwi tal-kartapesta minn uħud mill-aqwa artisti ta’ dan iż-żmien. Vincenzo Cremona, Karlu Darmanin u Karmenu Mallia “l-Lhudi” kollha dehru fir-reġistri tal-ħlas tas-Soċjetà. Magħhom jidħlu disinnjaturi t’armar w arti sagra bħal Giuseppe Decelis. Membri attivi fi ħdan is-Soċjetà bħall-aħwa Antonio u Leone Abdilla, Feliċ Gatt, Salvinu u Ġelandri Scicluna kienu kollha artiġġjani mill-aqwa, kapaċi jidissinnjaw, joħolqu u jżejnu bi skultura fina l-armar tal-festa.

L-Ewwel Gwerra Dinjija

L-avvent tal-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914 li baqgħet sejra sa Novembru tal-1918 staġnat kull tip t’attività li kienet għaddejja. Il-ħruxija tal-gwerra mhux biss bidlet l-Ewropa u l-ordni soċjo-politiku tad-dinja, iżda bħal b’xi mod tajret is-sens ta’ seħer ta’ raħal bħal wieqaf fi żmien, magħluq fih innifsu mitluf fil-krejazzjoni t’artifatti ta’ stil belle époque bħal sospiż f’dinja oħra irrejali.

F’dan il-perjodu, il-festa ġiet imnaqqsa ħlief għall-purċissjoni bil-vara ta’ Santa Marija nhar il-15 t’Awwissu, kompluta bil-fratellanzi kollha u l-Banda tal-Palma tal-Birgu. F’lejlet il-festa għad-daqq ta’ Te Deum, mat-tokki ta’ nofsinhar, kienet titla’ Madonnina żgħira minn qabar fuq kollona f’nofs iz-zuntier akkumpanjata minn banda żgħira magħrufa bħala l-banda t’Indrí. Il-Pjazza baqgħet tintrama b’mod sħiħ bl-istatwi u kolonni, b’kuruni u festuni tar-rand flimkien mal-illuminarja ta’ filgħaxija permezz ta’ mijiet ta’ tazzi taż-żejt ikkuluriti.

Fiċ-ċentru tal-Pjazza kien jintrama l-pedestall tal-Inkurunazzjoni eżatt bħall-lum Dan ġie maħdum fl-injam minn Antonio Abdilla, fuq disinn ta’ Giuseppe Decelis, u l-armata ta’ mastrudaxxa tiegħu. Dan il-pedestall li hu meqjus fost l-oħla eżempji t’armar tal-festi b’eleganza u glorja kollha tipika tal-perjodu belle epoqué hu mżejjen b’kumpless statwarju xogħol Vincenzo Cremona u Karmnu Mallia l-Lhudi. Hu propju dan il-pedestall stess li jirrakkonta il-kwalità straordinarja fil-viżjoni u l-ambizzjoni taż-żonqor ta’ dan il-grupp ta’ rġiel b’dik l-imħabba u ġenerożità lejn ir-raħal tagħhom. Propju f’dak iż-żmien iswed tal-gwerra, il-pedestall bi ġmielu mixgħul sħiħ bl-aċitelena kien bħal torċa ta’ speranza għad-dinja kollha.

Is-Snin Għoxrin u l-qilla tat-taqlib

Is-snin għoxrin ġabu magħhom entużjażmu ġdid fid-dinja wara s-snin mudlama tal-ewwel gwerra dinjija. L-attività f’Circolo la Stella kienet aktar ħajja u mgħaġġla. Il-membri telgħu għal 300 u l-finanzi kienu fis-sod. Kollox kien jindika Soċjetà stabbilità u sikura minnha nnifisha.

Is-snin għoxrin raw il-bidu tal-kirjiet tal-bottegin, jew kif nifmuh illum il-bar tal-każin. Il-bottegin sar il-qalba taċ-Circolo, il-lok fejn jiltaqgħu l-ħbieb u membri fil-Każin. L-ewwel offerta rebbieħa għall-kiri tal-bottegin kienet ta’ ċertu Aloisio Spiteri għas-somma ta’ ₤3-13s, somma mhux żgħira għal dak iż-żmien. Interessanti nsemmu li Aloisio kellu l-permess li jbiegħ il-lumi u l-larinġ li kien jikber fil-ġnien enormi tal-palazz li kien iservi ta’ sede tal-Każin.

Għalkemm nafu li l-esperimenti pirotekniċi kellhom bidu mal-ewwel festi bikrin fil-geġwiġija li kien joħloq Indrí l-Mikk, nafu b’ċertezza li fl-1920 kienet teżisti kamra tan-nar meqjusa ċentrali fiż-żona magħrufa “Ta’ Dandu” (illum qed ngħidu l-intesezzjoni fejn jiltaqgħu Triq Santa Marija ma’ Triq Birżebbuġa) fl-inħawi ta’ Bir id-Deheb. Dak iż-żmien dawk l-inħawi kienu l-bidu tal-konfini agrikoli tar-raħal. Barra minn din il-Kamra tan-nar li literalment kienet għorfa fuq oħra, ħafna nar kien jinħadem fi rziezet mifruxa fil-kampanja tal-madwar. Fi snin għoxrin din il-kamra tan-nar fin-naħa ta’ Bir id-Deheb bdiet tati sinjal ta’ ċediment u telqa probbabbilment wara l-ħsara li ġarrbet lura fi Frar tal-1908 meta tilfu traġikament ħajjithom Pawlu Gravina abbati ta’ 11–il sena magħruf bħala “Ta’ Ġakka”, Spiru Scicluna u Ġanni Farrugia magħruf bħala “n-Nagħġa”.

Għal dan il-għan, il-Kumitat ivvota somma flus biex tiġi mikrija biċċa art u jiġi rrestawrat ir-razzett biswit f’żona magħrufa bħala “Ta’ Xieref”.

Dawn is-snin raw ukoll l-introduzzjoni ta’ produzzjonijiet teatrali dilettanteski fil-binja tal-Każin. Dawn kienu novità assoluta għar-raħal u biċ-ċajt iċ-ċajt baqgħu popolari sa tmiem is-snin ħamsin. Dawn il-produzzjonijiet mlaqqma’ mill-popolin bħala  “it-teatrin” kellhom numru ta’ segwaċi b’saħħtu mill-udjenza tal-lokal li ħafna drabi kienu wisq imbegħda mit-teatru soffistikat u l-opra lirika li kienet tirrenja fil-belt kapitali. It-teatrin jista’ jitqies bħala kontribut imprezzabbli għall-ħajja kulturali tar-raħal għax ingħatat lill-poplu l-possibbilità li jgawdu mill-viċin il-maġija tal-palk bid-dwal, bix-xenografiji u l-kostumi, waqt li jkollhom aċċess għad-drammi l-aktar popolari. Dawn il-produzzjonijiet kienu jinżammu fil-piano nobile tal-palazz fix-xitwa taħt is-saqaf impitter b’pittura tal-ġir, xogħol Leone Abdilla b’disinni organiċi ta’ stil Art Nouveau u importanti b’serje ta’ stilel bi flieli bojod u koħol bi splużjoni ta’ raġġi sofor jinfdu x-xorok u t-travi. Fis-sajf, it-teatrin kien jimxi al fresco fil-ġonna stil taljan tal-palazz. Min jaf xi ġmiel partikulari kienu dawn l-ispettakli! Sfortunatament m’għandniex ritratti ta’ dawn l-attivitajiet teatrali, ħlief ritratti meħuda fis-snin 50 li jagħtu ħjiel tajjeb tas-sbuħija partikulari ta’ dawn il-mumenti.

Il-produzzjonijiet sajfin kienu sfond għal saram u għelt għall-Kumitat minħabba li t-tfal kellhom ħabta jisirqu l-frott tas-sajf mis-siġar u dan is-serq xejn ma kien jinżel tajjeb mas-sid tal-bottegin minħabba l-jedd li hu kellu fuq il-bejgħ tal-frott.

Attrazzjoni oħra fil-bottegin taċ-Circolo kien ix-xiri ta’ fonografu mill-Kumitat. Il-fonografu kien l-ewwel verżjoni tal-kaxxa tad-diski. Il-fonografu żviluppa wara fil-gramofonu li hu ferm aktar magħruf fil-forma tiegħu. Il-fonografu kien bħal kaxxa tal-injam bi tromba enormi tar-ramm fejn jingħata l-istim lil sistema ta’ ċilindri li meta jduru joħolqu ħsejjes u noti mużikali. Kienet novità inkredibbli għal dak iż-żmien u dan għamel mezz sabiex dan l-imbierek fonografu jkun ċentru tal-attenzjoni għall-parruċċani tal-bottegin tal-Istilla. Iżda dan l-imbierek fonografu kien sors t’uġiegħ ir-ras għall-Kumitat minħabba l-ġlied u l-kunflitti bejn il-parruċċani li ta’ spiss kienu jinqalgħu minħabba l-użu tiegħu. Għaldaqstant il-Kumitat ħa passi u ġie stabbilit li dan il-fonografu jindaqq biss fil-Ħdud u l-festi. B’mod vitali l-Kappillan kien talab li f’nhar il-festa jindaqq biss wara t-tmiem tal-quddies tal-pontifikal mat-tokki ta’ nofsinhar.

L-1927 jista’ jitqies bħala l-annus horribilis taċ-Circolo la Stella. Kienet sena ta’ kunflitti interni u qsim bejn il-membri stess. Dawn il-kunflitti donnhom jirriflettu l-qsim politiku li kien jeżisti f’dan iż-żmien f’pajjiżna bejn il-partiti emerġenti Maltin li kienu bdew imiddu l-ewwel passi lejn il-kunċett ta’ Malta sovrana. Soċi bdew iħallu ċ-Circolo u xi membri tal-Kumitat irreżinjaw mill-Kumitat. Il-konsenturi kienu bdew jidhru u s-sejħiet varji għal seduti straordinarji donnu ma kienu qed iwasslu mkien. L-emorarġija ta’ membri baqgħet għaddejja avolja ġew ippruvati tentattivi varji t’interventi diplomatiċi.

Jgħidu li x-xitan m’għandux ħalib. Il-palazz li issa kien ilu s-snien iservi bħala s-sede taċ-Circolo ġie mibjugħ qasir il-għomor mis-sidien. Is-sidien talbu li jieħdu pussess tal-post u talbu lill-Każin sabiex jiżgombra. Ġiet imsejħa seduta straordinarja għat-8 ta’ Jannar 1928 sabiex tiġi diskussa din is-sitwazzjoni prekarja. Fil-kumplessità tas-sitwazzjoni, l-geġwiġija tal-ħasda li nħolqot u n-nuqqas ta’ post alternattiv minn fejn joperaw, ġie deċiż li ċ-Circolo jiġi xolt indefinitivament.

Kienet tassew bħall-ħolqien ta’ tempesta perfetta.

Ġie deċiż li jsir irkant u jinbiegħu l-mobbli u l-parafernali kollha, iżda l-istrateġija kienet li għas-salvagwardja tal-Għaqda stess waqt l-irkant jinxtara kollox mill-membri tal-Kumitat stess. Dan il-metodu kien jassigura li titħaddem il-proċedura legali li tirregula x-xolljiment taċ-Circolo iżda b’mod li kull proprjetà immobbli tiġi ssalvagwardjata fl-eventwalità ta’ rinaxximent tal-Għaqda. Dan juri li kollox kien jindika li dan kien qed jitqies bħala tranżizzjoni temporanja. Ġie magħżul in-Nutar, Dottor Lorenzo Porsella Flores sabiex jipprepara inventarju u jagħmel evalwazzjoni tal-lottijiet għall-irkant. L-evalwazzjoni saret fit-12 ta’ Frar u l-irkant sar fid-19 tal-istess xahar.

F’dan l-istess jum fil-5.30 ta’ wara nofsinhar, iċ-Circolo għalaq l-attività tiegħu f’70, Pjazza Santa Marija.

Iżda s-saram ma waqafx hawn. Xi membri ħolqu kwistjoni fuq il-legalità tas-seduta straordinarja msejħa qabel l-irkant. Għaldaqstant, il-każ spiċċa il-Qorti. Fit-13 ta’ Diċembru 1928 il-Maġistrat Dottor Filippo Pullicino qata’ s-sentenza fejn hu ddikjara l-eżitu ta’ dik s-seduta straordinarja bħala null fuq il-premessa li s-sejħa għas-seduta straordinarja ma żammitx l-osservanza għal perjodu ta’ 3 ijiem bħala pre-avviż qabel il-jum tas-seduta. L-irkant allura ġie meqjus mhux validu iżda nżamm l-inventarju kif miġbur minn Porsella Flores. Il-membri tal-Kumitat, Antonio Abdilla u Giuseppe Grima, għażlu li jieħdu ħsieb l-għamara tal-Każin billi jżommuha ġo djarhom, b’intenzjoni konkreta li fi ftit żmien jerġà jiftaħ il-Każin tal-Istilla.

It-Tletinijiet, Qawmien ġdid u t-Twelid tal-Banda Santa Marija

Iċ-Circolo bħala entità kien allura totalment bħal midfun ħaj. L-attività intrinsika għall-festa u ċ-Circolo b’xi mod baqa’ għaddej bħal minn wara l-kwinti. Ix-xewqa li l-Każin tal-Istilla jerġa’ jqum kien għadu ħsieb ħaj u veġetu. It-tfittxija għal proprjetà adattata dehret kważi impossibbli iżda fl-aħħar infetaħ portun meta tfaċċat il-possibbilità ta’ kirja f’49, Triq Santa Marija (kantuniera ma’ Triq il-Ġebelin). Dan il-post ġie mikri għas-somma ta’ ₤10.00 mingħand il-familja Chetcuti minn Tas-Sliema.

B’hekk reġa’ qam iċ-Circolo stillier iżda bid-differenza tal-isem mibdul f’Circolo Maria Assunta. Jidher li b’mod għaqli kien inħass li wara dawk it-turbulenzi kollha kien ta’ fejda isem li jorbot il-każin innifsu maċ-ċentralità tal-festa billi jintrabat kollox m’isem il-wisq maħbuba Patruna, il-Kbira Santa Marija. Fih kien jinsab l-uniku ideal li jgħaqqad dawk kollha li lilha ħabbew.

B’dan il-mod sottili u b’mod ekwivoku ċ-Circolo mexa lejn il-kunċett ta’ każin tal-festa. B’hekk ingħatat forma lil filosofija portanti tal-Każin bħala l-organizzatur ewlieni flimkien mal-Knisja u garanti tal-festa titulari ta’ Santa Marija f’Ħal Għaxaq. Dan il-mudell għadu funzjonanti sal-lum.

Dawn il-kwartieri ġodda ma tantx kienu għall-qalb is-soċi. Il-kilba biex jerġgħu ikunu protagonisti fil-Pjazza tar-raħal kien għadu jitturmenta l-imħuħ. Is-sbuħija grandjuża u l-pożizzjoni strateġika tal-Palazz li serva bħala sede tal-Każin baqgħu ittektku f’moħħ il-membri u s-soċi. Dan l-iskomfort serva biex jibdew iduru mill-ġdid l-ingranaġġi tal-bidla.

Il-karba tas-sens ta’ telfien u xenqa għar-ritorn tal-imgħoddi tant glorjuż wasal f’widnejn il-familja “Ta’ Marjan”. Din hi l-familja ta’ dixxendenti f’linja diretta ta’ Giò Maria Farrugia, il-benefattur viżjunarju tal-vara titulari. “Ta’ Marjan” kienu mill-bidu soċi u partitarji kbar fil-Każin tal-Istilla. Huma wkoll ma felħux jaraw u jgħixu dik li nħasset bħala tkeċċija miċ-ċentru ta’ kollox. Għaldaqstant Grazia Farrugia u ħuha Marċell daħlu b’saħħa għax-xiri tal-proprjetà bl-indirizz 133 fi Pjazza Santa Marija. Ironikament din il-proprjetà kienet tinsab direttament faċċata tal-maħbuba sede l-antika fil-Palazz ta’ Pettistina. Mill-ġdid Circolo Maria Assunta kien fiċ-ċentru tal-univers Għaxqi jgawdi l-prestiġju xieraq ta’ sede ċentrali bħala l-ewwel Soċjetà tar-raħal. Sal-lum dan l-istess sit għadu l-post tas-sede preżenti tal-Għaqda Mużikali Santa Marija.

Il-kuntratt ġie ffirmat f’Ġunju tal-1934. Il-kuntratt jitkellem ċar li din il-propjetà nxtrat esklussivament biex isservi bħala sede għal Circolo Maria Assunta. Bdew minnu fih xogħlijiet ta’ tisbieħ biex ġie inawgurat fis-27 ta’ Lulju, għall-festa tal-1934. Interessantement għall-festa ta’ dik is-sena ntużaw iż-żewġt każini. Bħala ċelebrazzjoni għax-xiri ta’ din il-post ġdid nhar lejlet il-festa saret “marcia alla Veneziana”. Din kienet banda akkumpanjata b’bosta bandalori tal-injam kollu disinni bħal maqtugħa bl-arkett u lanterni ikkuluriti, kollox mixgħul permezz ta’ xemgħa, iddisinnjati minn ċertu Pawlu ta’ Ħal Lija li kien meqjus speċjalista f’din is-sena partikulari.

Kien proprju waqt is-seduta ġenerali msejħa għal Ottubru 1934 li b’mod uffiċjali ġiet imwaqqfa l-Banda Santa Marija. Dakinhar stess daħlu 30 żagħżugħ biex jistħarrġu fit-tagħlim mużikali. Mro Giuseppe Spiteri miż-Żejtun li kien assistent Surmast maċ-Circolo Musicale Beland ġie maħtur bħala Surmast Direttur. Is-soċju u membru fil-Kumitat, Giuseppe Abdilla, ġie maħtur bħala l-assistent Surmast. Kemm Spiteri u Abdilla kienu ħa jiffunzjonaw ta’ għalliema tal-allievi.

Il-prima assoluta tal-Banda Santa Marija kien nhar l-14 t’Awwissu 1935 bi programm prestiġjuż fuq il-planċier misluf mingħand iċ-Circolo Musicale Beland f’nofs il-Pjazza tar-raħal. Dik is-serata speċjali kienet tinkludi repertorju mill-isbaħ fosthom La Marcia Religiosa ta’ Haydn, l’Agnus Dei ta’ Bizet u potpourri ta’ mużika lirika taljana b’siltiet t’opri ta’ Verdi, Puccini, u Bellini fuq arranġamenti ta’ Mro Joseph Spiteri.

Id-debut bħala banda mistiedna f’festa barra mir-raħal sar fil-festa ta’ San
Ġorġ ġewwa Ħal Qormi u wara fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja ġewwa Ħaż-Żabbar.

It-Tieni Gwerra Dinjija (1939-1944)

Fi 3 ta’ Settembru 1939, ir-Re Ġorġ VI ħabbar li r-Renju Unit flimkien mal-kolonji Imperjali kollha kienu daħlu fi gwerra:

“F’din is-siegħa ta’ gravità kbira, f’dik li tistà titqies l-aktar mument delikat fid-destin tal-istorja tal-umanità, għat-tieni darba fil-ħajja ta’ ħafna minna erġajna ninsabu fi gwerra….Jista’ jkollna quddiemna jiem mudlama, u din il-gwerra mhux ser magħluqa biss għall-akwati tal-battalja.”

Il-kliem tar-Re kienu profetiċi. Malta daħlet fil-Gwerra. U d-dinja kif kienu jafuha niesna kienet ser tinqaleb ta’ taħt fuq.

Ġara li dakinhar tat-3 ta’ Settembru 1939, il-Banda Santa Marija kienet qed iddoqq ġewwa l-Birgu għall-festa ta’ San Duminku. Waqt li l-Banda kienet għaddejja ddoqq ġie mwaqqaf kollox ħabta u sabta. Seħħ black-out. Waqa’ dlam ċappa u kulħadd ħarab lura lejn ir-raħal f’ġenn ta’ biża’ u paniku.

F’dawn il-ġranet ta’ gwerra il-Każin ġie magħluq. Ħadd m’azzarda joħlom b’ċelebrazzjonijiet, marċi tal-banda jew nar tal-festa. Il-ħajja kienet waħda ta’ ħlewwa ta’ qalb u niket. Bħal dalma sewda niżlet fuq il-gżejjer Maltin. Fl-1940, il-Gvern Kolonjali Malti ħa taħt idejh il-binja tas-sede tal-Każin sabiex din tinbidel fi skola għat-tfal tar-raħal. Din kienet mossa prattika minħabba l-fatt li l-misraħ ewlieni tar-raħal kien bħal xehda għasel ta’ xeltrijiet imħaffra fil-blat, u għaldaqstant f’każ ta’ attakk mill-ajru l-viċinanza tal-Każin kienet toffri l-possibbiltà ta’ kopertura mill-aktar fis.

Il-festa waqfet għalkollox. Il-purċissjoni b’Santa Marija ma terqitx aktar fit-triqat Għaxqin. L-unika ritwal li baqa’ jisfida l-għadu kien ir-ritwal tat-tlugħ tal-Madonnina mill-qabar tal-kolonna fuq iz-zuntier waqt id-daqq tat-Te Deum f’nofsinhar tal-Għid l-Assunta. Bosta bandisti, ħaddiema tan-nar u mastrudaxxi tal-armar tal-festa nġabru bil-lieva.

Il-binja tal-Każin sofriet ħsarat meta waqt attakk mill-ajru bomba laqtet lil Sqaq li illum nafuh bħala Triq Dun Ġużepp Naudi. Dakinhar mietet familja ta’ koppja żagħżugħa u ż-żewġt uliedhom ta’ 4 snin u tarbija ta’ ftit jiem. Kien bħal sinjal ta’ twissija mis-smewwiet. Il-Kumitat u s-soċi setgħu biss jitolbu bi ħrara lil dik il-maħbuba Ommhom. Stennew impotenti li jgħaddi l-maltemp. Il-biża’ kien is-sieħeb li jġorru fuq spallejhom ta’ kuljum. Il-biża’ li l-bombi jolqtu u jfarrku t-Tempju tal-Assunta u li tintilef l-vara imprezzabbli tal-Patruna kien bħal tnemnim kontinwu ġo qalbhom. Jinqatgħu minn ġewwa ma’ kull ħoss tas-sirena.

Fis-sena 1944 il-ġlied tal-gwerra ixxabbat lejn in-naħa ta’ fuq tal-Ewropa u Malta bħal setgħet tiġbed nifs ta’ serħan. L-istorja riedet li kellu jkun proprju fit-8 ta’ Settembru 1943 li l-Italja tiddikjara li ċediet taħt il-forza tal-alleati. Proprju dakinhar il-Banda Santa Marija kienet qed iddoqq qalb ir-rovina tal-Isla fl-okkażjoni tal-festa tal-Bambina. Dak il-marċ tradizzjonalment magħruf bħala l-marċ tal-Vittorja spiċċa bħal marċ trijonafali ta’ ferħ u briju spontanju b’ringrazzjament lil Marija Bambina Patruna tal-Belt Invicta.

Hi koinċidenza li bilkemm titwemmen li kellha tkun il-Banda Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq li tkun qed iddoqq fil-bliet tal-Kottonera fil-bidu u t-tmiem tal-Gwerra.

Fl-1944 il-ħajja reġgħet bdiet tistejqer mill-ġdid. Il-binja tal-Każin ġiet irrestawrata grazzi għall-fondi għad-danni tal-Gwerra. Reġgħu bdew il-provi tal-Banda. Il-ħaddiema tan-nar reġgħu bdew jinżlu l-post tan-nar fejn komplew bit-taħlit tal-murtali. Spiridione Scicluna twebbel li jbiddel id-drapp kollu tal-festa u ġennen lin-nisa ħajjata tar-raħal sabiex jibda x-xogħol fuq pavaljuni u bandalori ġodda.

Mill-ġdid il-partit tal-Istilla kien reġa’ ċekċek u tefa’ d-dadi!

Ġie mibdul l-istatut tal-Għaqda fejn il-klawżola li tikkonsidra lil membri oriġinali tal-Kumitat tat-twaqqif tas-Soċjetà bħala sidien propjetarji. Dawn il-membri oriġinali mill-ewwel Kumitat bdew jikbru u jmutu, allura deher biċ-ċar li ried jinbidel l-istatut sabiex jkun jista’ jidħol demm ġdid fit-tmexxiaja ta’ wara l-gwerra. Kien ċar li l-enerġija żagħżugħa ġdida kienet qed tħares b’tama lejn bidla u innovazzjoni bħal mera perfetta tas-Soċjetà Maltija ta’ wara gwerra tant ħarxa.

Mro Joseph Barbara temm l-ingaġġ tiegħu bħala Surmast Direttur. L-għażla waqgħet fuq Mro Salvino Fabri mill-Birgu u Surmast Direttur tal-Banda Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien. Fabri kienu għadu żagħżugħ u meqjus talent prim fis-settur. Nistgħu ngħidu li Fabri kien is-Surmast bi kwalitajiet perfetti għal mument storiku fit-tranżizzjoni ta’ Banda Santa Marija.

Meta f’Marzu tal-1948 il-Kappillan tar-raħal Dun Ġużeppi Naudi ħabbar waqt il-quddiesa tal-Ħadd li hu kien wisq mgħobbi bil-piżijiet tal-Parroċċa biex ikollu ħin għall-organizzar tal-festi esterni          għall-festa titulari nqalà agħa kbir. Il-Kappillan bħal keskes il-qiegħa meta ħabbar li hu lest jilqà lil kull Soċjetà tar-raħal biex tieħu taħtha l-obligi u r-responsabilità tal-festi esterni tal-festa titulari ta’ Santa Marija. Rappreżentanti mill-Kumitat tal-Istilla ġrew fis-Sagristija minnu fih u dlonk ħadu pussess tal-festa tagħhom. Għal dan il-għan mill-1948 l-Għaqda Mużikali Santa Marija għamlet ftehim mal-Kappillan bħala prokuratur tal-Parroċċa b’mod li l-Każin jidħol għall-piż organizzattiv u finanzjarju wara l-festi esterni marbuta mal-festa titulari. Il-Każin tal-Istilla iżda rabat lill-Kappillan bi klawżola unika u importanti għall-aħħar. Il-Każin talab u ġie konċess id-dritt għall-esklussività fl-organizzar tal-festa ta’ Santa Marija. Dan kien iffisser li l-ebda Soċjetà oħra ma qatt setà jkollha sehem fil-festa mingħajr il-permess speċifiku tal-Għaqda Mużikali Santa Marija.

Sal-lum dan il-ftehim għadu jorbot liż-żewġ naħat biex b’hekk tkun l-Għaqda Mużikali Santa Marija li żżomm il-jedd u l-obbligi bħala l-garanti tal-festa titulari.

Is-Snin Ħamsin

Fl-1 ta’ Novembru 1950, il-Papa Piju XII ipproklama lid-dinja d-Domma tal-fidi “Munificentissimus Deus” magħruf aħjar bħala d-Domma tal-Assunzjoni. L-1950 kienet sena speċjali tassew. Il-festa ta’ dik is-sena kienet mifruxa minn Awissu sa Novembru. Kollox sar fuq skala akbar bil-pompa kollha li wieħed jistenna f’okkażjoni tant unika.

F’Awwissu ta’ dik is-sena, proprju f’lejlet il-festa għamlet xita kbira, tant li nħallu l-ilwien ħamrani w ikħal tal-pavaljuni l-ġodda.

Is-Soċjeta ġiet irregalata karlotta tal-Papa Piju XII minn grupp ta’ sorijiet li jaħdmu fil-Vatikan.

Sas-sena 1952 il-Każin tal-Istilla kien għadu b’faċċata b’sular wieħed. Minn dejem kien jinħass il-bżonn li jitla’ t-tieni sular b’mod li s-sede jkollha sala kbira għall-laqgħat tas-soċi u għall-kunċerti. Il-Kumitat resaq lejn Marċell Farrugia bħala sid il-post b’din il-proposta u dan dlonk aċċetta. Minn butu daħal personalment għall-ispejjeż involuti fil-bini tas-sala. Fi ftit xhur din is-sala tlestiet minn kollox, u kienet lesta għall-użu. Interessanti l-fatt li Leone Abdilla reġa’ pitter din is-sala fuq skala ta’ kuluri roża b’disinni art nouveau bl-istess metodu kif kien pitter il-piano nobile tal-Palazz ta’ Pettistina meta daħlu fiħ bħala sede tal-Każin.

Is-Snin Sittin

Il-festa tal-1963 rat tinkieb paġna traġika fl-istorja tal-Każin. Dik is-sena Mario Dimech, tfajjel ta’ 12–il sena tilef ħajtu traġikament proprju waqt il-ħruġ tal-purċissjoni mill-Knisja. Hekk kif in-nar tal-kaxxa tal-ħruġ kien beda tiela’, murtal ħa kanna u l-biċċiet tal-ħadid taru b’saħħa mal-madwar. It-tfajjel kien injora kull twiddib biex jiċċaqlaq minn hemm u baqa’ jitlajja fuq il-ħajt tas-sejjiegħ. Il-biċċiet tal-ħadid laqtugħ mortalment f’rasu.

Minnufih ġriet l-aħbar u l-purċissjoni daret bil-kwiet b’pass mgħaġġel madwar il-Knisja u Santa Marija daħlet lura f’silenzju jtarrax. Il-ħruq tan-nar waqaf. Il-mota u d-daqq tal-qniepen siktu. Intfew id-dwal tal-festuni u l-pilandri tat-toroq. Kienet il-festa tan-niket.

Din l-istorja baqgħet fil-memorja kollettiva tal-poplu Għaxqi. Il-funeral tat-tfajjel Dimech inżamm fis-17 ta’ Awwissu bi Knisja armata bi sħiħ għall-festa ippakkjata nies b’Santa Marija armata fuq il-bankun fil-Kappellun tas-Santissimu Rużarju.

F’Diċembru tal-istess sena f’nofs ta’ lejl xitwi waqt maltempata qalila, splużjoni twaħħax riedgħet lir-raħal. Il-kamra tan-nar, St.Mary’s Fireworks Factory f’Ta’ Xieref, kienet splodiet f’ċirkustanzi alkwantu misterjużi. Ma kien baqa’ kważi xejn mill-binja ħlief rovina ta’ ġebel. Il-Maġistrat tal-Għassa qatagħha li l-isplużjoni kienet kawża ta’ firien li marru jnaqqru materjal pirotekniku.

Kienu ħafna li interpretaw dan id-diżastru bħala intervent malizzjuż.

Fl-1964 wara li ngħalqet l-inkjesta reġa’ beda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ din il-kamra tan-nar. Il-post il-ġdid ġie nwagurat fl-1966.

Fl-istess sena tal-1964 Malta ħadet l-Indipendenza tagħha mill-Gvern Ingliż. Għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza l-Banda Santa Marija ġiet mistiedna sabiex timmarċja fi Strada Rjali (illum Triq ir-Republika) nhar it-22 ta’ Settembru.

Is-Sebgħinijiet

L-1973 kien jimmarka iċ-ċentinarju mit-twaqqif tal-Għaqda Mużikali Santa Marija bħala Circolo La Stella. Saru festi speċjali li bdew fil-qalba tal-festi f’Awwissu u komplew bil-gran final tal-1 ta’ Novembru, il-jum għażiż tal-proklama tad-Domma. Ġie nawgurat armar tal-festa ġdid u l-Kappillan Dun Karm Zammit bierek lapida kommemorattiva fl-intrata tal-Każin l-antik (illum tinsab fis-sala prinċipali ta’ Bar Santa Marija).

Dik is-sena Mro Salvino Fabri ressaq ir-riżenja tiegħu mill-kariga ta’ Surmast Direttur minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Minfloku laħaq Mro Michael Chircop.

Chircop irreżenja f’Settembru tal-1976. Mro John J. Pace ġie magħżul sabiex jieħu postu.

Fis-6 ta’ Awwissu 1978 dwiet l-aħbar li kien miet il-Papa Pawlu VI. Id-dikjarazzjoni għal-luttu statali u l-konferma tal-funeral Papali għat-13 ta’ Awwissu fissru li l-festi esterni tal-festa ġew ikkanċellati. Saret biss purċissjoni bil-vara tal-Assunta b’forma ta’ pellegrinaġġ devozzjonali.

F’din l-istess sena l-Kumitat tal-Għaqda beda jikkontempla proġett b’intervent strutturali massiċċ fuq il-binja tas-sede tal-Każin. Kien proġett innovattiv għal dan iż-żmien għax il-bidliet fuq l-interni tal-Każin kienu maħsuba biex jagħmlu lill-każin mhux biss aktar attraenti b’lok akbar għall-kunċerti u l-attivitajiet għall-ġbir ta’ fondi iżda wkoll sar ħsieb għal bar tal-każin ferm aktar kummerċjali. Filwaqt li l-proġett beda miexi b’ritmu mgħaġġel fuq ġewwa, l-intervent fuq il-bini tat-tieni faċċata li llum tagħti fuq Triq Giò Marie Farrugia kienet miżgħuda problemi, dewmien u intriċċi rigward il-ħruġ tal-permessi. Dan kien ħolqien ta’ triq ġdida biswit is-sede tal-Każin li kien ħa jbiddel għalkollox is-sura tal-Pjazza tar-raħal u l-binja tal-Każin tal-Istilla.

Fl-1979 Malta ċċelebrat Jum il-Ħelsien meta l-aħħar stakkamenti u korpi tal-militar Ingliż salpaw lura lejn pajjiżhom. Għal din l-okkażjoni l-faċċata tal-Każin tlibbset b’kuluri nazzjonali bojod u ħomor. Il-Pjazza ntramat b’bandalori u bandieri Maltin.

Il-Kumitat immarċja fil-corteo nazzjonali li beda miexi minn Pjazza Gulia u baqà sejjer sal-Monument tal-Ħelsien f’Xatt ir-Risq.

Fl-1979 għawġ ġdid ħabbat fuq il-bieb tal-Każin. Il-Kamra tan-Nar f’Ta’ Xieref kienet meqjusa li qiegħda f’żona ta’ periklu għall-poplu minħabba li l-bini tal-Housing Estate tal-Gvern kien qorob wisq fil-viċin. L-iżvilupp ta’ bini f’dik l-arja agrikola fisser li l-permessi għall-operat tas-St.Mary’s Fireworks Factory kienu ser jiġu miżmuma. Il-Każin f’dawn iċ-ċirkustanzi ma setax jiggarantixxi aktar s-sigurtà fl-operat tal-ħidma piroteknika. L-Awtoritajiet taw konċessjoni sakemm tinsab art ġdida b’mod li l-Kamra tan-nar timxi lejn akwati aktar imbiegħda.

Fit-3 ta’ Diċembru 1979, is-Soċjetà ħadet sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta u ġewwa l-Birgu marbuta ma’ Jum ir-Repubblika.

Is-Snin Tmenin

Il-kummissjoni għall-ordni ta’ grupp t’erba’ anġli tal-fidda maħsuba li jsorġu fuq l-erba’ kantunieri tal-bradella ta’ Santa Marija kellhom ikunu sors ta’ nkwiet, kunflitti serji u tiżgwid liema bħalu. L-anġli kienu maħduma fuq disinn u buzzett oriġinali mill-artist Vincenzo Apap li f’dik l-epoka kien artist ta’ fama mondjali speċjalment wara li kien ħadem bust fil-kollezzjoni privata tar-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra.

Il-kunflitt tajjar l-ewwel xrar hekk kif l-Għaqda Mużikali San Ġużepp flimkien mal-Fratellanza Ġużeppina oġġezzjonaw b’mod kategoriku għat-tqegħid ta’ din l-opra ġdida fuq il-bradella tal-Assunta minflok is-sett t’erba’ gastri tal-fidda li huma sostnew li kienu ħallsu lura fi snin tletin. Il-punt tal-oġġezzjoni tagħhom kien ibbażat fuq il-fatt li lura fis-snin 30 meta l-Fratellanza ta’ San Ġużepp għamlet rikors il-Kurja sabiex jinxtraw 4 gasti tal-fidda għal mal-istatwa l-ġdida ta’ San Ġużepp, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi kienu rabtuhom bil-kundizzjoni li jridu jsiru sett gastri ta’ kwalità u manifattura superjuri għall-vara titulari. Dan minħabba li hu meqjus li l-vara u l-festa titulari trid tgawdi dejjem il-privileġġ li jinħarġilha l-aqwa u l-aħjar taż-teżori u l-arti sagri fil-pussess tal-Parroċċa. Hekk ġie dekretat u jidher li hekk sar.

Meta l-grupp t’erba’ anġli tal-fidda waslu mill-funderija ġewwa Napli u ġew preżentati lill-Knisja, l-Fratellanza u l-Każin ta’ San Ġużepp ibblukaw din id-donazzjoni billi appuntu kkowotaw id-digriet tat-tletinijiet. Kienu bosta l-argumenti kontra l-loġika ta’ dak id-digriet. Fuq kollox bosta kienu dawk li fakkru li tlieta mill-erba’ gastri kienu fil-fatt miġbura u mħallsa minn fuq dahar il-poplu Għaxqi. Id-dibattitu bejn il-partijiet kollha sfaxxa f’diżastru diplomatiku u l-Kurja sal-bidu ta’ Lulju, bil-festa wara l-bieb, kienet għadha ma ħadet l-ebda pożizzjoni partikulari. Issejħet seduta ġenerali straordinarja u bi protesta l-Każin ikkanċella kull festa esterna għal dik is-sena.

Il-poplu nġabar bi ħġaru f’kontemplazzjoni quddiem in-niċċa msakkra b’Santa Marija wara l-ħġieġa b’baħar ta’ fjuri u xemgħat, b’taħlita ta’ niket u rabja li kienu ħakmu lil qalbhom.

Id-drama tal-każ tal-4 anġli tal-fidda kompla jiżvolġi matul is-sena 1982. Kien biss tard fi tmiem Lulju li ntlaħaq kompromess bejn il-partijiet kollha nvoluti. Ġie deċiż li l-anġli jitpoġġew f’kull kantuniera tal-bradella iżda l-gastri kellhom jitqiegħdu fiċ-ċentru ta’ kull panew mal-erba’ ġnub tal-qabar dehbi tal-Assunta. Għal ħafna, dan kien kompromess fjakk għal kunflitt tassew kumpless. Għal bosta, id-deċiżjoni tal-Kurja kkomprometta l-ġmiel tal-vara titulari minħabba t-taħlita t’anġli u gastri li qatt ma kienu maħluqa b’dak l-iskop dekorattiv.

Iżda anke jekk bl-estetika tal-vara kompromessa, il-festa tal-1982 setgħet tibqa’ mixja.

Intant fl-1983 il-permessi għall-faċċata tal-Każin ġdid kienu kollha għaddew b’wiċċ il-ġid. Fl-istess sena din il-faċċata kienet kompluta bil-famuża gallarija maltija tal-injam iddur dawra tond. Kisi, żebgħa, dwal u ilma, tqegħid t’irħamijiet, kien kollu xogħol bla ħlas mis-soċi tal-Każin. Mill-ġdid din il-ħidma hi innu għall-ġenerożità u l-bżulija ta’ dawn il-voluntarji b’qalb kbira.

Id-data ta’ jum il-Kwindiċina, jiġifieri t-30 ta’ Lulju 1984, ġiet magħżula bħala l-jum tal-ftuħ tal-Każin il-ġdid. Kienet ser tkun festa doppja għax is-Soċjetà kienet qed tiċċelebra ukoll il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda Santa Marija.

Dik id-data kienet verament ġurnata tad-deheb fl-istorja ta’ dan il-Każin. Kienet sena li fiha ntlaħqu miri ambizzjużi mmens sforz il-ħidma u l-viżjoni kbira ta’ dan il-grupp ta’ nies. Il-quċċata ta’ kollox kien il-kunċert strumentali u vokali mill-Banda Santa Marija mmexxija mis-Surmast Mro John J. Pace. Dan il-kunċert mtella’ f’nofs il-Pjazza bil-Knisja bħala sfond hu meqjus kunċert innovattiv f’dan it-tip ta’ kunċerti. Kien kunċert li għamel ħoss u qajjem interess, u fis-snin ta’ wara kienu ħafna dawk li mxew mal-istil u l-linji gwida tiegħu. Dik il-lejla l-mużika rrenjat sovrana. L-overture mill-Carmen ta’ Bizet. Ir-Rhapsodia Ungherese ta’ Lizst. Il-Bolero ta’ Ravel. U l-gran final li ma jintesa qatt, l-overture 1812 ta’ Tchaikowsky akkumpanjata bl-isparaturi tal-kaċċaturi ssinkronizzati mal-ħruq tal-bombi tal-musketterija minn fuq il-bjut tal-Palazz.

Il-Kunċert kien taħt il-Patroċinju tal-President ta’ dak iż-żmien, l-Eċċelenza Tagħha s-Sinjorina Agatha Barbara. Il-President fetħet il-Każin permezz ta’ ċavetta tal-fidda b’finjal forma ta’ stilla li nħolqot għall-okkażjoni.

Il-binja tas-sede il-ġdida ġiet imbierka mill-Vigarju Ġenerali, Monsinjur Carmelo Xuereb.

L-1984 ħabtet ukoll is-sena li fiha waslet l-istatwa hekk magħrufa bħala “Santa Marija tal-marċ”, xogħol fil-kartapesta mill-isbaħ tal-Kavallier Michael Camilleri Cauchi. Din l-istatwa kienet maħsuba biex tinġarr waqt il-marċ brijuż tal-Aħħar ta’ Tridu nhar it-13 ta’ Awwisu. Hi l-użanza li mat-tokki ta’ nofs il-lejl l-istatwa tiżżerżaq ħelu ħelu għal fuq il-kolonna trijonfali tagħha permezz ta’ mekkaniżmu maħluq apposta. Din l-istatwa sabet post speċjali fil-qlub tal-partitarji stillieri u dan il-marċ tat-13 ta’ Awwissu hu appuntament annwali għal bosta dilettanti tal-festi.

Fl-1987 ġiet imwaqqfa l-Kummissjoni Nisa Stillieri bħala sotto-kumitat ieħor fi ħdan l-Għaqda Mużikali Santa Marija. In-nisa kienu minn dejjem qawwa fil-ħidma tal-Każin. Iżda l-iskop ta’ din il-Kummissjoni kien li jingħata post lin-nisa fil-qalba tal-ħidma tal-każin b’mod li s-Soċjetà setgħet tħaddan b’mod konkret il-valuri u l-prinċipji kollha marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi, b’mod li n-nisa jkunu fuq quddiem nett fil-kontribut tagħhom pjuttost milli jiġu emarġinati għar-rwoli sekondarji. Il-ħolqien ta’ din il-Kummissjoni mhux biss fissret ta’ ġid materjali għas-Soċjetà, iżda wasslet biex maż-żmien bdejna naraw nisa jikkontestaw u jimlew l-irwoli f’karigi eżekuttivi.

L-istess sena wasslet għal aħbar mill-isbaħ li sawret l-istorja u d-destin ta’ din l-Għaqda Mużikali. F’seduta ġenerali straordinarja msejħa għall-5 t’April 1987 ġie mħabbar li l-membri tal-familja ta’ Marjan, is-sidien tal-proprjetà u d-dixxendenti diretti ta’ Giò Maria Farrugia kienu qed jirregalaw il-proprjetà lil Għaqda Mużikali Santa Marija. L-aħwa bniet Marinton Farrugia, Carmela Pace u Madalen Spiteri, it-tliet ulied ta’ Marċell Farrugia, iffirmaw il-kuntratt notarili sabiex is-Soċjetà tkun is-sid uniku ta’ daru. Dan il-ġest t’imħabba u lealtà min-naħa ta’ din il-familja hu ġest mill-isbaħ li bħal fejjaq il-feriti meta lura fis-snin tletin il-każin spiċċa mingħajr il-wens ta’ daru.

Is-sena 1987 ġabet magħha aktar ġid. Is-St.Mary’s Fireworks Factory mibnija fuq l-art mixtrija fl-akwati magħrufa bħala ta’ Xieref kienet lesta minn kollox. Is-St.Mary’s Fireworks Factory baqgħet topera minn dan it-tieni post tan-nar sas-sena 1980, meta minħabba l-iżvilupp tal-Housing Estate tal-Gvern fiż-żona din il-Kamra tan-Nar kellha tiġi magħluqa. Illum dak li kien il-maħbub post tan-nar l-antik ġie mibdul f’kumpless ta’ mħażen u bottega għall-armar tal-festa titulari u l-mekkaniżmi tan-nar tal-art.

Waqt il-perjodu tranżitorju ġiet identifikata u mixtrija art ġdida fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Ħaxum fuq ix-xaqliba t’Għar Dalam limiti ta’ Ħal Għaxaq. Dan kien att ta’ kuraġġ bla qies minn Soċjetà dak iż-żmien ġa mgħobbija bi proġett t’intervent infrastrutturali kbir fuq il-binja tas-sede tal-Każin, fejn mill-ġdid il-ġenerożità u l-għaqal ta’ dawn l-Għaxqin Stillieri wassal għal miraklu ta’ kumpless pirotekniku modern li verament nistgħu ngħidu ma jonqsu xejn. Kumpless li l-istess bħall-proġett tas-sede tal-Każin ġie msawwar b’ħidma sen’interessi mis-Soċi stess. Eżempju ta’ ħidma voluntarja li tibqà timpressjonak aktar ma jgħaddi ż-żmien. Dan il-kumpless pirotekniku ġdid għal żmienu kien wieħed uniku, imfassal b’kunċett ta’ kamra tan-nar li prinċipalment u fuq quddiem nett trid tiggarantixxi sigurtà u funzjonalità lill-ħaddiema tagħha. Kumpless pirotekniku li għadu jaħdem bla heda bl-iskop nobbli li nhar il-festa tal-Assunta l-komunità tgawdi u terġa’ tkattar dan ir-ritwal antik kif ħolmuh u sawruh missirijietna bħal innu ta’ ġieħ u qima lil kbira Santa Marija!

Is-Saint Mary’s Fireworks Factory kienet kapaċi tagħti prova tal-bravura u l-esperjenza ċentinarja bir-rebħ ta’ diversi unuri bħal:

Premju għall-Oriġinalità fin-nar tal-art (2007), Premju għall-aqwa beraq u disinni (2009), Rebħ tal-edizjoni tal-Festival Internazzjonali tan-Nar (2010), Premju għall-aqwa ktajjen fin-nar tal-art (2010) u mill-ġdid ir-rebħ tal-Festival Internazzjonali tan-Nar (2016)t

Is-snin disgħin

Sitt snin biss wara l-inawgurazzjoni tat-tieni każin, beda jinħass sew is-sentiment minn bosta soċi sabiex jerġa’ titkabbar il-binja tal-Każin. Għal dan il-għan inxtraw żewġ proprjetajiet fuq il-parti ta’ wara tal-binja eżistenti tal-Każin. Minn hawn bdiet tinħema l-idea kontroversjali li jinħatt kompletament il-Każin u jerġa’ jinbena totalment mill-ġdid.

Inħarġet sejħa għal disinni u pjanti għall-Każin ġdid b’emfasi fuq il-kunċett ta’ żewġt faċċati imponenti. Ġie magħżul id-disinn tal-Perit Muscat Azzopardi bħala d-disinn meqjus l-aktar ispirazzjonali. Id-disinn rebbieħ biż-żewġ faċċati imponenti, il-kolonnata tal-bieb prinċipali, il-gallarija grandjuża fuq il-pjazza ċentrali tar-raħal flimkien mal-kumpless ta’ ħames gallariji fuq Triq Giò Marie Farrugia kien rebaħ il-qlub tas-soċi.

Kien proġett kolossali. Iżda donnu ma kinux jafu biża’ x’inhi. L-iskop baqa’ dejjem dak li l-festa titulari tgawdi mill-aqwa u l-aħjar.

  1. Titwaqqaf il-Kummissjoni Żgħażagħ Għaxqin bl-intenzzjoni li ġenerazzjoni wara oħra tkompli tibni u ġġedded lil dik li missierijietna tal-bidu kienu sejħu bħala “il-qatt mirbuħa Soċjetà”.

Seklu ġdid.

Bil-biċentinarju mill-wasla tal-vara titulari ta’ Santa Marija ġewwa l-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq dejjem aktar fil-viċin, il-Kumitat beda jaħseb għall-festi speċjali marbuta ma’ din id-data li żgur ma terġax tirrepeti ruħha fil-ħajja ta’ bniedem.

Il-Kumitat ġie mlaqqa’ mill-President Vincent Bezzina fejn hu wera x-xewqa li jidħol għall-ħlas tar-restawr tal-vara u l-qabar ta’ Santa Marija. Bezzina li kien għadu kif romol minn martu Mary, xtaq josserva x-xewqa marbut mal-legat imħolli fit-testment ta’ martu. Mary Bezzina hi stess dixxendenti ta’ Giò Maria Farrugia ħalliet somma flus konsiderevoli sabiex l-istatwa tant għal qalbha tiġi restawrata kif tmiss il-liġi.

Il-Kumitat aċċetta bil-ferħ. Dan kellu l-elementi kollha għall-proġett ideali tal-biċentinarju b’mod li tiġi ppriservata għall-ġenerazzjonijiet tal-futur dik il-kapolavur assolut. Ix-xewqa tal-mibkija Mary Bezzina kienet ser iseħħ realtà.

2006

Bir-rikors lill-Kurja f’idejhom, il-Kumitat ikkumissjona lil Joseph Farrugia l-induratur mill-Mdina biex ikun hu li jaħdem fuq l-Assunta. Farrugia aċċetta bil-ferħ din il-kommissjoni ta’ xogħol. Kif kien stqarr hu stess issa li kien qed joqrob għall-irtir tiegħu mix-xogħol, hu xtaq jkollu ċ-ċans li jaħdem fuq statwa mill-iprem bħal dik tal-Assunta ta’ Gerada meqjusa bħala fost l-ifjen statwi proċessjonali f’Malta u Għawdex. Is-sengħa tal-induratura tiegħu kienet meqjusa l-eqreb għat-tekniċi tal-perjodu ta’ meta nħadmet il-vara, u għaldaqstant Farrugia kienet l-għażla perfetta.

F’Settembru, 2006 l-istatwa ġiet żarmata bil-kwiet minn fuq il-qabar tagħha. Il-vara nġarret lejn l-Imdina sabiex jibda l-proċess ta’ restawr.

It-tluq tal-vara lejn l-Imdina ħalla sens ta’ vojt kbir fil-Knisja tar-raħal. Lanqas fil-biża’ u l-periklu tat-Tieni Gwerra Dinjija l-istatwa ta’ Santa Marija ma kienet ħarġet mit-Tempju. Għal kważi mitejn sena sħaħ il-figura tagħha kienet dejjem preżenti fil-Knisja u issa dak in-nuqqas kien bħal iġib niket avolja kien hemm il-ferħ li jaraw lill-vara tieħu lura l-glorja kollha ta’ ġmielha. L-uniku soljev kien jiġi mill-visti kontinwi lill-bottega ta’ Farrugia ġewwa l-Imdina. Hemm l-Għaxqin kienu jingħaqdu mal-bosta turisti li kienu jinġabru fil-bieb tal-bottega jammiraw il-ġmiel tal-vara mlibbsa b’dik il-libsa tad-deheb pur.

Minkejja s-serbut ta’ pellegrini gejjin u sejrin, Farrugia lesta l-vara fil-ħin. Farrugia rritorna l-ilbies tal-vara għall-għażla kromatika oriġinali ta’ Gerada u deher immedjatament li l-ġmiel tal-Assunta kien dejjem aktar qrib id-divin.

Il-Kav. Pawlu Camilleri Cauchi pitter il-wiċċ tal-Assunta f’viżjoni ċelesti ta’ sbuħija bla qies.

Kollox kien lest biex Santa Marija terġa’ tmur lura ġewwa darha, fejn niesha.

2007

Fit-30 ta’ Lulju, 2007 l-istatwa daħlet trijonfalment lura f’Ħal Għaxaq.

L-istatwa solennement imxiet ’il fuq minn Bir id-Deheb għal Triq Santa Marija b’mod li reġgħet imxiet dik li fil-probabbiilità kollha kienet ir-rotta oriġinali dakinhar li mill-Isla waslet Ħal Għaxaq lura fl-1808. Fi triqtha lejn il-Pjazza l-istatwa twaqqfet quddiem id-dar fejn għex il-benefattur tal-istess statwa Giò Marie Farrugia. Din kienet l-istess dar fejn għall-ewwel 4 snin mill-miġja tagħha fostna nżammet merfugħa f’niċċa speċjali ġo din il-proprjetà privata. Il-kuntratt notarili oriġinali ma jagħti l-ebda ħjiel tar-raġuni jekk Farrugia kienx ikkummissjona vara ta’ daqs kbir bi ħsieb ta’ venerazzjoni domestika. Iżda d-daqs u l-poża mtajra tal-Assunta kollha jindikaw statwa bi skop proċessjonali bl-ideja ta’ qima mill-poplu.

Aneddotu partikulari hu l-fatt li għall-ewwel 4 snin mill-miġja tagħha fir-raħal din il-vara kienet toħroġ minn dar Farrugia nhar il-Kwindiċina fi 30 ta’ Lulju biex titla’ proċessjonalment lejn il-Knisja. B’dan ir-ritwal ħelu kienu jiftħu il-festi f’ġieħ l-Assunta. Wara li tkun ħarġet mill-Knisja għall-purċissjoni tal-festa, kienet mill-ġdid terġa’ tiddaħħal lura fil-Knisja mill-ġdid. Mal-ottava wara l-festa, Santa Marija kienet terġa’ titniżżel lura proċessjonalment lejn id-dar ta’ Farrugia.

Fl-1812, Farrugia ffirma digriet fejn ta b’donazzjoni l-vara ta’ Santa Marija lill-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq. Madankollu Farrugia żamm il-jedd u l-privileġġ li bih rabat lill-Parroċċa b’kundizzjoni waħda, dik li hu u susegwentement id-dixxendenti tiegħu jżommu l-jedd ta’ waħda miċ-ċwievet taż-żewġ serraturi separati li permezz tagħhom tinfetaħ in-niċċa tal-vara titulari. Għaldaqstant kull meta trid tinfetaħ in-niċċa jrid ikun hemm preżenti rappreżentanza min-naħa tal-familja Farrugia flimkien mal-Kappillan jew membri tal-Kleru b’mod li jitwasslu fuq il-post iż-żewġt iċ-ċwievet.

Dakinhar tat-30 ta’ Lulju 2007, eżattament quddiem id-dar fejn għex il-benefattur Farrugia, il-President Vincent Bezzina libbes personalment f’ras l-Assunta l-istellarju bi tnax–il stilla rrestawrat tad-deheb u fidda. Dan ir-rit finali ta’ Bezzina mdawwar bid-dixxendenti kollha tal-familja Farrugia mess qalb kulħadd speċjalment ta’ dawk is-soċi li kienu tant viċin il-mibkija Mary Bezzina. It-tpoġġija tal-istellarju bi tnax–il stilla fuq disinn t’Abraham Gatt kien bħall-inkurunazzjoni qabel id-dħul fil-pjazza.

Id-dħul lura fil-Pjazza kien wieħed emozzjonali għall-aħħar hekk kif il-vara ta’ Santa Marija tal-Għaxqin imxiet fuq l-ispallejn ta’ niesha u twaqqfet quddiem il-bieb ċentrali tal-Każin. Mill-gallarija prinċipali tkantat il-kanzunetta “Marija” kompożizzjoni ta’ Mro Pawlu Abela u lirika ta’ Joe Julian Farrugia, b’interpretazzjoni tat-trio ta’ kantanti Mary Spiteri, Georgina Abela u Renato Micallef.

L-istatwa kompliet il-mixja sa fuq zuntier miksi fjuri ħomor sakemm sabet postha fiċ-ċentru quddiem il-bieb il-kbir tal-Knisja, bl-aħħar raġġi dehbiena tax-xemx jixgħelu lil dik suritha b’elf dija lewn il-ġenna. Kienet viżjoni li ma tgħib qatt mill-memorja tal-Għaxqin.

Ġiet ikkonċelebrata quddiesa ta’ ringrazzjament fil-ftuħ tal-pjazza ippakkjata nies. B’hekk infetħet it-triq għall-bidu tal-festi solenni fl-okkażjoni tal-200 sena mill-wasla tal-Assunta ġewwa Ħal Għaxaq.

 2009

Kien proġett titaniku mifrux fuq 18–il sena sħaħ ta’ ħidma sfieqa u sagrifiċċji kbar. Iżda fl-aħħar il-proġett tal-Palazz il-ġdid kien wasal fi tmiemu. L-inawgurazzjoni ġiet stabbilita kif sar dejjem tradizzjonalmemt għall-Kwindiċina, it-30 ta’ Lulju 2009. Ġie mħejji kunċert ieħor grandjuż taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Jeremy Sultana. Dan kien kunċert ieħor ta’ livell għoli li kellu kritika u approvazzjoni mill-aqwa min-naħa tal-pubbliku.

Is-sede il-ġdida tal-Għaqda Mużikali Santa Marija ġiet inawgurata mill-Prim Ministru ta’ Malta, Dott. Lawrence Gonzi, li fid-diskors tal-ftuħ hu faħħar qatigħ il-ħidma tas-soċi Għaxqin li għażel jiddefinixxi bħala poplu b’valuri sodi, sens qawwi ta’ komunità u imħabba lejn it-tradizzjonijiet tipiċi maltin. Hu għamel referenza għall-esperjenza personali tiegħu stess fis-settur tal-volontarjat, fejn hu qal li ma setax ma jempatizzax mal-livell ta’ dedikazzjoni, il-bżulija u l-ħidma iebsa li b’ġenerożità ngħataw lill-Komunità ta’ Ħal Għaxaq.

Il-Prim Ministru, akkumpanjat mill-Kleru tal-Parroċċa, flimkien mal-President Martin Vella, kixfu l-lapidi li ġew imbierka b’mod li jfakkru l-membri u s-soċi li taw demmhom għall-każin b’donazzjoni ta’ ħin, enerġija u riżorsi, b’mod li l-ħolma li forsi dehret impossibbli issa bis-saħħa tas-sew u l-qilla tad-determinazzjoni kienet saret realtà.

Is-Soċjetà kienet qisha daħlet fl-art mwiegħda.

iii. Soċjetà kontemporanja u Organizzazzjoni Volontarja

Iż-żmien kien xhud prim tal-evoluzzjoni minn każin tradizzjonali tal-banda sat-transformazzjoni f’organizzazzjoni volontarja moderna bi strutturi u proċeduri li jirregulaw kull aspett tal-attivitajiet primarji imħaddma fi ħdanha. Mhux biss il-partiċepazzjoni tan-nisa ħoloq aktar kuxjenza fuq livell tal-ugwaljanza tas-sessi iżda l-kunċetti tal-inklużjoni soċjali, d-diversità u l-attenzjoni għall-prinċipji etiċi u morali rabbew għeruq dejjem aktar sodi fil-qalbha ta’ din il-Għaqda.

Id-dipartimenti tradizzjonali tal-mużika bandistika, l-armar u l-piroteknika huma mmexxija fuq kriterji aktar effettivi u effiċjenti b’mod li l-attività voluntarja tkompli tikber u tissaħħaħ waqt li jkunu kapaċi jsostnu finanzjarment kull aspett tal-ħidma tagħhom. B’dan il-mod il-ġid kollu li huma jerġgħu jinvestu b’risq il-komunità siegħa fuq livell kulturali, artistiku jew fis-salvagwardja tat-tradizzjonijiet jibqgħu għaddejjin b’mod ħaj u tanġibbli.

Il-kunċett li tibqa’ rilevanti għall-bidliet li jġib iż-żmien sar aktar il-pern li miegħu idur kollox. Wara kollox dan ir-rakkont ta’ din l-istorja ta’ dan il-każin hu minnu nnifsu dimostrazzjoni ta’ narrativa li tgħallem il-merti tal-innovazzjoni u l-kuraġġ tal-bidla kontra ir-riġidità li ma tħallix spazju għall-bidliet.

Għaldaqstant il-kalendarju kiber b’firxa wiesa’ ta’ wirjiet, kunċerti, esebizzjonijiet u attivitajiet li verament juru milja ġdida fil-vjaġġ perenni ta’ din l-Għaqda mużikali. L-Għaqda mhix biss l-organizzazzjoni tal-festa titulari iżda hi parteċipi fit-tradizzjonijiet kollha li jfasslu l-kalendarju kulturali Għaxqi mill-Milied sal-Karnival, sal-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa. Kollox jintrabat mal-binja tas-sens qawwi t’identità Għaxqija.

Il-kunċett wara l-Għaxaq Music Festival hu probabbli l-ifjen eżempju ta’ din il-metamorfosi fejn il-modern jitħallat b’mod kreattiv mat-tradizzjonijiet l-aktar antiki. Dan hu eżempju tas-saħħa fil-volontarjat fejn l-għaqal u l-potenzjal ta’ viżjoni jafu jwasslu għal organizzazzjoni professjonali fuq skala nazzjonali, b’mod li jitkompla l-ħsieb ta’ ġid u risq mogħti lura lill-komunità tagħna.

Bl-istess ħsieb u bl-istess ħeġġa li minn żmien żemżem urew dejjem missierijietna.

Newsletter

Join our mailing list to get fresh content delivered to your inbox.